Il-poeta jinsab għaddej fi vjaġġ lejn id-dar. Din id-dar tista’ tirrappreżenta t-tfulija tiegħu, id-dar tal-ġenituri tiegħu u kif ukoll id-dar t’Alla l-Missier.
Il-poeta mhuwiex ċert mit-triq li jrid jgħaddi minnha biex jerġa’ lura lejn daru u dan juri l-inċertezzi li jgħaddi minnhom il-bniedem fil-ħajja tiegħu.
Madankollu, fih jinħassu dubji, inċertezzi u beżgħat li jwasslu biex il-poeżiji tiegħu jimtlew b’xewqat ta’ ħelsien. Il-poeżija tiegħu hija maqlugħa mill-qiegħ nett ta’ patri li tispikka fih ir-reliġjożità u l-ħajja mistika.
Din hija poeżija tradizzjonali magħmula minn 5 kwartini b’rima mqabbża (a,b,ċ,b) fejn it-tieni vers jirrima mar-raba’ wieħed. Il-versi huma ottonarji (watja u tronki).
F’din il-poeżija l-poeta juża ħafna l-immaġini u s-simboli. Tispikka l-metafora tal-ġamra li bil-mod il-mod tnin, tiksaħ u tintefa. Din il-ġamra tissimbolizza l-imħabba tal-poeta li ż-żmien irnexxielu jtaffi u jmewwet ftit ftit.